L-istaġun sajfi u turistiku f’Għawdex se jkun wieħed simili għal staġuni oħrajn qabel ma faqqgħet il-pandemija. Dan żvelah il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat, li ma’ ONE NEWS spjega li din il-gżira qed tesperjenza influss ta’ Maltin u anke turisti li ddeċidew li jqaqttgħu btala f’Għawdex.
Qal, “L-andament turistiku huwa wieħed ta’ tama u fiduċja fil-futur u nemmnu li dan is-sajf se jkun jixbaħ lis-sjuf li aħna mdorrijin bihom.”
Saħaq ukoll li Għawdex jiddependi wkoll mit-turiżmu lokali, fejn Maltin stess jippreferu li jqattgħu lejl jew aktar f’waħda mill-postijiet ta’ akkmodazzjoni f’Għawdex.
Huwa tenna li bosta Maltin li għandhom propjetà f’Għawdex, xorta jgħinu r-rota ekonomika ddur hekk kif dawn jonfuq flushom fl-istabbilimenti u ħwienet f’din il-gżira.
Spjega, “It-turiżmu f’Għawdex mhux ibbażat biss fuq it-turiżmu barrani, imma għandna segment importanti ħafna għal gżira Għawdxija, it-turiżmu domestiku. Dan ukoll huwa suq li f’din il-pandemija nistgħu ngħidu li sibnih ta’ sostenn u li mmitiga ħafna s-sitwazzjoni li ħolqot il-pandemija b’mod speċjali meta ma kenux qed jiġu turisti minn barra.”
L-Assoċjazzjoni Għawdxija kienet laqgħet il-fatt ukoll kif f’pajjiżna bdew jaslu turisti mir-Renju Unit li huma kompletament imlaqqma, hekk kif is-suq Ingliż huwa wkoll kruċjali għal Għawdex.
Qal, “Aħna għamilna stħarriġ fost il-membri tagħna fil-bidu ta’ Ġunju kien qed juri li 73% tal-bookings f’dawn l-erba’ xhur li ġejjin kienu mir-Renju Unit u allura kien inkwetanti ftit li dak iż-żmien ir-Renju Unit kien għadu ma nkludix lil Malta fuq il-lista l-ħadra imma issa li qegħdin hemm ifisser li dawk il-booking il-maġġor parti se jiġu rrijalizzati.”
Joe Muscat temm jgħid kif grazzi għall-vouchers tal-mitt ewro kif ukoll il-vouchers li ngħataw lit-turisti biex iżuru lil pajjiżna, is-settur turistiku f’Għawdex kompla jingħata s-spinta meħtieġa.