Sa Novembru ta’ din is-sena, l-andament fil-finanzi pubbliċi kien ferm aħjar minn dak prevvist, hekk kif jirriżulta minn ċifri ppubblikati dwar id-dħul u l-ħruġ mill-Fond Konsolidat tal-Gvern.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Kullħadd, fl-aħħar ħarġa tagħha, fejn innutat ukoll li sax-xahar li għadda, id-defiċit ta’ pajjiżna kien kważi nofs dak osservat tul is-sena ta’ qabel, hekk kif laħħaq it-€347 miljun.
Dan it-titjib ta’ madwar €309 miljun fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern ġie minkejja ż-żieda fl-ispiża pubblika, li żdiedet b’6% fuq is-sena ta’ qabel.
Il-fattur ewlieni kien minħabba li d-dħul tal-Gvern żdied bi 13%, rata aktar mid-doppju.
Fost iż-żidiet ewlenin, kien hemm it-titjib ta’ €382 miljun fid-dħul mit-Taxxa tad-Dħul jiġifieri l-income tax, li kienet 21% aktar mill-2022, u titjib ieħor ta’ €94 miljun mid-dwana u mil-liċenzji li rriżulta b’żieda ta’ 17% fuq is-sena ta’ qabel.
Id-dħul mill-VAT ra titjib ta’ €78 miljun, filwaqt li dak mill-bolla tela’ bi €92 miljun.
Il-Gvern irnexxielu jġib lejn pajjiżna dħul minn grants ta’ kważi €193 miljun, li jfisser żieda ta’ 12% fuq is-sena ta’ qabel.
F’dak li għandu x’jaqsam L-andament tad-dħul tal-Gvern, meta mqabbel mas-sena l-oħra, jirriżulta li s’issa ddaħħal 89% tal-ammont imbassar fid-diskors tal-Baġit, b’titjib ta’ madwar 2% fuq li dak li nġabar sena ilu.
Dan minkejja li l-ispiża kompliet tiżdied, għalkemm b’rata inqas minn dik antiċipata fid-diskors tal-baġit.
Sussegwentament, meta wieħed iħares lejn l-ispiża totali s’issa sa Novembru, din laħqet 82% tal-mira fil-Baġit għal din is-sena, jew kważi 4% inqas minn sena ilu.
Sax-xahar li għadda, l-ispiza pubblika fl-investiment kapitali u soċjali laħħqet iċ-ċifra rekord ta’ kważi €700 miljun, li tfisser żieda ta’ €110 miljun, jew kważi 20% aktar mis-sena ta’ qabel.
Din l-ispiża, dehret l-aktar fi proġetti relatati mal-enerġija kif ukoll fi skejjel u spazji miftuħa ġodda u ħodor.
L-investiment soċjali, laħaq figura straordinarja ta’ kważi €2 biljun, b’sostenn akbar b’€173 miljun jew 10% aktar mis-sena ta’ qabel.
Fis-settur tas-saħħa pubblika, l-investiment tal-Gvern tela’ għal ammont rekord ta’ kważi €870 miljun, waqt li l-edukazzjoni rat injezzjoni ta’ €722 miljun.
F’dawn iż-żewġ pilastri importanti għas-soċjetà Maltija, il-Gvern żied l-impenn finanzjarju bi kważi €110 miljun oħra jew 7% aktar.
Sa Novembru, il-Gvern alloka €360 miljun f’sussidji, l-aktar biex jinżammu l-prezzijiet tad-dawl, il-gass u tal-fjuwils stabbli għall-familji u n-negozji.
Id-dejn tal-Gvern ċentrali kien jammonta għal €9,578 miljun fi tmiem Novembru, titjib ta’ €103 miljun fuq ix-xahar t’Ottubru.
B’hekk kollox jindika li l-miri finanzjarji tal-Gvern se jintlaħqu.