Sal-aħħar ta’ Marzu ta’ dis-sena, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati kien jammonta għal 375, 041.
Numru li jfisser żieda ta’ tlieta punt sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess kwart tal-elfejn u sbatax.
Ċifri pprovduti minn Transport Malta juru li tmienja u sebgħin punt tlieta fil-mija kienu karozzi tal-passiġġieri, tlettax punt sitta fil-mija kienu vetturi kummerċjali filwaqt li sebgħa fil-mija kienu muturi, quadricycles u ATVs.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li fl-ewwel tlett xhur tal-elfejn u tmintax ħarġu sitt elef, ħames mija u tlieta u sebgħin liċenzja ġdida.
Il-maġġoranza ta’ dawn, iġifieri sitta u sebgħin punt erbgħa fil-mija, kienu għal karozzi tal-passiġġieri, filwaqt li ħdax punt sitta fil-mija kienu għal vetturi li jġorru l-merkanzija.
Intant, 2, 871mil-liċenzji ġodda kienu għal vetturi ġodda, u t-tlett elf, seba mija u tnejn l-oħra kienu għal vetturi użati.
Huwa stmat li tlieta u sebgħin vettura kienet liċenżjata kuljum fl-ewwel kwart tal-elfejn u tmintax.
Barra minn hekk, sebat elef, ħames mija wieħed u tletin vettura tneħħew minn fuq it-toroq Maltin minħabba xi restrizzjoni.
Minn dawn, disgħa u tletin fil-mija reġaw tpoġġew għal bejgħ, tletin punt tmienja fil-mija kienu skrappjati u tmienja u għoxrin punt wieħed fil-mija ġew iggaraxxjati.
Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ċar li l-magna preferuta hija dik petrol, hekk kif sittin fil-mija tal-vetturi kollha fil-gżejjer Maltin għandhom din it-tip ta’ magna.
Disgħa u tletin fil-mija għandhom magna diesel filwaqt li huma biss zero punt ħamsa fil-mija li jaħdmu bl-elettriku jew hybrid.