Fuq medda ta’ disa’ snin, bejn is-sena 2010 u s-sena 2019, l-ammont ta’ nisa jaħdmu żdied bi 52%, u sal-2019 kien hemm b’kollox 107,123 mara fid-dinja tax-xogħol. Dawn, min-naħa tagħhom, ikkontribwixxew għal 43% taż-żieda totali fl-impjiegi waqt il-perjodu ta’ bejn Lulju 2018 u Lulju 2019.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici għamel din l-analiżi waqt żjara li huwa għamel il-Jobsplus f’Ħal Far, b’antiċipu għal Jum il-Mara, li se jiġi mmarkat nhar il-Ħadd li ġej.
“Huwa grazzi għal skemi bħaċ-childcare b’xejn, il-garanzija taż-żgħażagħ, li hi skema tal-Unjoni Ewropea dwar żgħażagħ fix-xogħol, il-work programme, li hi skema li tassisti persuni li jkunu ilhom qegħda biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol, u skemi ta’ taħriġ, fost oħrajn li rajna żieda fis-suq tax-xogħol u d-dħul mill-ġdid tan-nisa fl-impjieg. Bħala gvern, aħna nħarsu li noħolqu iżjed opportunitajiet u possibilitajiet ta’ xogħol għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Dr Bonnici żied jgħid li, “Apparti l-kundizzjonijiet tajbin li ġabet magħha l-ekonomija, inizjattivi tal-Making Work Pay, li kienu introdotti fl-2014 u għadhom għaddejja sal-ġurnata tal-lum, kellhom impatt pożittiv biex jattiraw lin-nisa fid-dinja tax-xogħol, minħabba li hi mmirata bħala għajnuna għal dawk il-persuni li jibbenifikaw minn assistenza soċjali biex isibu impjieg.”
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Impjieg timmira li tipprovdi aċċess eħfef għax-xogħlijiet u s-suq tax-xogħol, sabiex ikun ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiem, kif ukoll għal min iħaddem.
Fejn jidħol is-suq tax-xogħol, matul l-2019 bqajna naraw kontinwazzjoni fix-xejriet tal-aħħar snin, li jinkludu żieda fil-livell ta’ nies impjegati u tnaqqis drastiku fil-qagħad. F’Lulju tal-2019, kien hemm żieda ta’ 5% fl-ammont ta’ nies jaħdmu meta ikkumparat ma’ Lulju tas-sena ta’ qabel, u l-impiegi fis-settur privat żdiedu għal 171,209, jew żieda ta’ 6.5% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-ammont totali ta’ nies jaħdmu (full time u part time) kien ta’ 257,401 fl-2019.