Il-każijiet ta’ Coronavirus madwar id-dinja qabżu l-1,200,000. Minn tal-inqas 65,000 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li 252,000 fiequ minn dan il-virus.
L-Istati Uniti jinsabu fil-quċċata tal-lista ta’ pajjiżi affettwati, b’aktar minn 300 u 12,000 każ kkonfermat u b’aktar minn 8,500 mewt. Il-President Amerikan Donald Trump wissa lill-Amerikani li se jkunu qed jaffaċċjaw ġimgħa diffiċli u se jkun hemm ħafna mwiet.
New York ra rekord ta’ mwiet f’24 siegħa, b’630 fatalità.
Fi Spanja, għal darb’oħra, kien hemm tnaqqis ta’ mwiet meta matul il-jum tal-Ħadd ġew irrapurtati 674 każ– tnaqqis ta’ aktar minn 100 każ fuq il-jum ta’ qabel.
L-istess fl-Italja, fejn naqas in-numru ta’ mwiet u dawk fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Fl-aħħar sigħat mietu ħames mija u ħamsa u għoxrin persuna, u fiequ aktar minn 800.
Ir-Renju Unit irrapporta rekord ta’ mwiet fejn kien hemm aktar minn 600 każ fatali.
Il-Gvern Brittaniku ħabbar li se jieħu miżuri aktar drastiċi fosthom persuni mhux se jitħallew jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku f’postijiet pubbliiċ.
Ir-Reġina Eliżabetta t-tieni se tindirizza lill-poplu aktar tard illejla f’messaġġ meqjus bħala wieħed rari.
Matul il-jum tal-Ħadd ħarġet ukoll l-aħbar tal-mewt tal-eks Prim Ministru Libjan, Mahmoud Jibril kawża tal-Coronavirus.
Jibril miet fl-età ta’ 68 sena wara li nstab pożittiv għall-virus fis-26 ta’ Marzu u kien qed jinżamm fi sptar Eġizzjan.
Jibril hu magħruf bħala politikant li kellu sehem qawwi waqt ir-rivoluzzjoni fil-Libja fl-2011 li waqqfet darba għal dejjem ir-renju tal-eks dittatur Muammar Gaddafi.