Partit Laburista jibqa’ dejjem it-tarka u d-dar naturali tal-ħaddiema.
Dan deher biċ-ċar fi żjara li saret aktar kmieni llum mill-Amministrazzjoni u Membri Parlamentari tal-Partit Laburista ma’ residenti u sidien ta’ negozju minn setturi differenti.
F’waħda minn sensiela ta’ żjarat bħala parti mit-tħejjija għal Jum il-Ħaddiem, huma setgħu jsegwu mill-qrib landament pożittiv tan-negozju u s-sens ta’ fiduċja li nibtet fil-ħaddiema u s-sidien ta’ negozju sforz id-diversi għajnuniet u benefiċċji li wettaq il-Gvern biex isaħħaħhom.
Il-Membru Parlamentari Amanda Spiteri Grech irrimarkat kif il-Partit Laburista minn dejjem kien il-moviment b’ruħ soċjali, li għandu għal qalbu l-ġustizzja soċjali.
Amanda Spiteri Grech saħqet li “Irridu nibqgħu nindukraw u naraw li d-drittijiet tagħhom inħarsuhom. Relevanza dejjem se jkun hemm. Lok għal titjib dejjem ħa jkun hemm u anke, propju għalhekk, dejjem irridu, inħallu sinjal, li aħna qegħdin hemm, biex inkomplu nisimgħu, biex inkomplu nbiddlu, biex inkomplu nkunu favur il-ħaddiem.”
Intant, l-appell ewlieni f’dawn il-jiem mill-Membru Parlamentari Omar Farrugia huwa li nhar l-ewwel ta’ Mejju, il-poplu jingħaqad maċ-ċelebrazzjonijiet imħejjija mill-Partit Laburista bħala turija ta’ fiduċja fil-ħaddiema u l-bżulija tagħhom.
Il-Membru Parlamentari, Omar Farrguia qal“Il-Partit Laburista, kien għadu u se jibqa’, il-partit tal-ħaddiema. Dan stajna nivverfikawh dalgħodu, fi Triq Repubblika fil-Belt Valletta, fejn iltqajna man-nies, iltqajna man-negozji, u qegħdin jirriflettu l-istess sentiment li rrifletta bih il-Prim Ministru Robert Abela, ilbieraħ fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. Aħna kommessi li nibqgħu naħdmu għall-ġid ta’ dan il-pajjiż u nhar l-ewwel ta’ Mejju ejja ningħaqdu hawnhekk, ġewwa l-Belt Valletta, sabiex inkomplu niċċelebraw il-ħidma sħiħa tal-ħaddiem Malti, tan-negozju Malti, ta’ dak kollu li hu Malti, ta’ dak kollu li jagħmilna kburin li aħna Maltin.”