Il-Qorti Suprema ta’ l-Amerika ġiegħlet lill-Amministrazzjoni Trump biex tneħħi mistoqsija miċ-ċensiment tal-2020 li qajmet kontroversja,deċiżjoni li tfisser rebħa kbira għall-gruppi favur id-drittijiet ċivili. Il-Qorti annulat il-mistoqsija li tistaqsi lill-persuni li jgħixu l-Amerika jekk humiex ċittadini tal-Istati Uniti. Il-Gvern Amerikan iddefenda l-mistoqsija u qal li kienet se saħħaħ il-protezzjoni tal-votanti fil-minoranza.
Id-Demokratiċi u gruppi favur id-drittijiet ċivili qalu li din il-mistoqsija kienet se taqta’ qalb bbosta familji barranin fl-Amerka milli jieħdu sehem f’dan iċ-ċensiment, li jsir darba kull għaxar snin. Huwa stmat li għexiren ta’ miljuni ta’ persuni – l-aktar mill-Amerika t’Isfel u Afrikan Amerikani – kienu se jitħallew barra miċ-ċensiment.
Il-mistoqsija kienet se tkun ta’ benefiċċju għall-Partit Repubblikan għal meta jfassalu d-distretti għall-elezzjonijiet u jiġi kkalkulat kemm kull stat jirċievi fondi. L-istati bl-ogħla popolazzjinijiet ta’ ċertu minoranzi, bħal Kalifornja u New Mexico, kienu l-aktar f’riskju ta’ nuqqas ta’ nies jipparteċipaw fiċ-ċensiment.
Din il-mistoqsija kienet ilha ma tkun parti miċ-ċensiment mis-snin ħamsin, għalkemm bejn l-1970 u l-2000 kienet tkun parti miċ-ċensiment għal xi gruppi tal-popolazzjoni Amerikana.