L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista żaret għalqa fil-limiti tar-Rabat bħala parti minn sensiela ta’ żjarat li qed isiru bi preparazzjoni għal Jum il-Ħaddiem, nhar l-ewwel ta’ Mejju.
Permezz ta’ dawn iż-żjarat, il-Partit Laburista qed jibqa’ jħaddan l-istess valuri sa mit-twaqqif tiegħu, jiġifieri li jkun viċin il-ħaddiem.
Għal din is-sena, il-Partit Laburista wera x-xewqa li jmur lil hinn mill-intrapriżi u negozji lokali tradizzjonali u, minflok, għażel li jżur għaqda mhux governattiva b’ideat imprenditorjali għall-persuni neqsin mid-dawl.
Minkejja l-ostakli li jsibu f’ħajjithom, minħabba d-diżabilità, l-għaqda xorta waħda qed tagħmel xogħol siewi u tagħti l-kontribut tagħha.
Din tkompli tinkwadra mal-politika ta’ Gvern Laburista … politika li tisħaq li kull ħaddiem għandu jkollu kwalunkwe opportunità li jirnexxi fil-qasam li jkun irid, fl-istess waqt li jara li jiġu apprezzati l-abbiltajiet u l-ħiliet tax-xogħol tiegħu.
F’din iż-żjara ġie spjegat kif ix-xogħol tal-persuni neqsin mid-dawl jinkludi t-tkabbir u l-qtugħ tat-tadam.
ONE News tkellem ma’ Frederick Scerri, il-President tal-għaqda mhux governattiva Visual/Non-Visual Network, li spjegalna l-involviment tiegħu f’din l-inizjattiva.
“Jiena bħala voluntier ngħin fix-xogħol li jkun hemm fl-għaqda tagħna. Bħalissa hawnhekk ukoll qegħdin fis-serra fejn il-bdiewa għomja qegħdin jagħmlu dan il-proġett fejn bdew ikabbru wkoll anke l-ħjar, minbarra t-tadam. U anke dan hu proġett ġdid li jgħin anke għall-indipendenza u aktar inklużjoni fid-dinja tax-xogħol ta’ persuni b’diżabilità. Dawn huma l-proġetti tagħna u fuq kollox dan hu l-għan tal-NGO tagħna.”
President, Visual/Non-Visual, Fredrick Scerri
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, enfasizza li hu importanti li jinżamm kuntatt ma’ kwalunkwe ħaddiem lokali, għax il-ħaddiema huma il-pedament tal-Partit Laburista.
“L-identità tal-Partit Laburista hi marbuta mal-identità tal-ħaddiem u ma tistax ma torbotx il-ħidma tal-Partit Laburista s-sena kollha mal-ħidma tal-ħaddiem. Għaldaqstant, nhar il-Ħamis, l-Ewwel ta’ Mejju, li nkunu qegħdin nagħmlu hu proprju li niċċelebraw mhux biss il-kisbiet li jkun kiseb il-ħaddiem matul is-sena, imma wkoll dak li jrid ikompli jikseb fis-snin li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-PL, Leonid Mckay
Waqt din iż-żjara, id-delegazzjoni tal-Partit Laburista kienet tinkludi wkoll lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Naomi Cachia, u s-Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista, Catherine Fenech.
B’din waslet fi tmiemha s-sensiela ta’ żjarat mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem.
Il-Kap Eżekuttiv appella biex il-Ħamis, l-Ewwel ta’ Mejju, kulħadd jingħaqad mal-Partit Laburista fil-Belt Valletta għall-mass meeting li se jiġi indirizzat mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.