L-Erbgħa filgħodu l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista ltaqgħet mal-President ta’ Malta George Vella. Dan bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat li l-istess Partit qed jagħmel f’eżerċizzju ta’ konsultazzjoni wiesgħa.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista, il-Perit Daniel Micallef, spjega li fost l-oħrajn mal-President tar-Repubblika ġew diskussi r-riformi li dan il-Gvern qed jagħmel favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Huwa spjega: “Laqgħa li matulha ddiskutejna affarijiet relatati ma’ rwol tal-President anke in view l-emendi kostituzzjonali li kellna reċentement iżda b’mod speċifiku wkoll dwar aktar emendi kostituzzjonali l-proċess ta’ riforma kostituzzjonali li dan il-pajjiż għandu bżonn u kif ukoll fuq l-irwol ta’ Malta internazzjonalment. Relazzjonijiet tagħna mediterranji, Ewropej imma wkoll anke fuq livell globali ma’ pajjiżi oħrajn, l-irwol ta’ Malta anke fid-dinja globalizzata speċjalment f’ċirkostanzi pjuttost diffiċli li qed ngħixu d-dinja bħalissa.”
Fil-laqgħa mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton ġew diskussi wkoll temi li l-Partit Laburista qed jaħdem fuqhom bħalissa, partikolarment il-fora li fost l-oħrajn tinvolvi l-ambjent, is-soċjetà li timxi ‘l quddiem, Għawdex, il-Kunsilli Lokali, saħħitna, l-ekonomija, l-ugwaljanza uil-futur ta’ wliedna.
Din il-laqgħa serviet ukoll waħda ta’ kortezija bħala Amministrazzjoni ġdida tal-Partit Laburista.