L-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista ltaqgħet mal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Dan sar fi sfond ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li qed jagħmel il-Partit Laburista sabiex iżomm ruħu aġġornat ma’ dak kollu li qed jaffettwa l-pajjiż fil-preżent.
Fil-fatt, din il-laqgħa kienet biss fost waħda minn ħafna ma’ diversi imsieħba soċjali fosthom il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u anke l-Kamra tal-Kummerċ.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri aċċenna għall-ħidma tal-Ministeru tiegħu fl-aħħar xhur fi sfond ta’ perjodu mimli sfidi kawża tal-pandemija.
Sostna kif minkejja dan, Gvern Laburista rnexxielu jsalva eluf ta’ impjiegi u jkun ta’ sostenn għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, il-Perit Daniel Micallef sostna kif dan il-perjodu seta’ naqqas il-fiduċja tan-nies fl-ekonomija u għalhekk appella u assigura għal aktar ħidma sabiex mal-mument li din tirkupra hija terġa’ ddur ‘il quddiem b’saħħa.
Huwa stqarr: “Irridu nkunu konxji tal-fatturi li qed jaffettwaw l-ekonomija tagħna. Fatturi esterni wkoll inkluż u ewlieni fost oħrajn it-turiżmu u l-qasam li nitfgħu taħt il-kappa tal-entertainment iżda l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jagħti l-għajnuniet kollha meħtieġa sabiex dawn l-industriji jirnexxielhom f’dan il-mument iebes iżommu flimkien ħalli meta tingħeleb din il-fażi, pajjiżna jkun preparat għar-rankatura ekonomika li jmiss.”