L-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista ltaqghet mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristortanti, l-MHRA, fejn matulha ġie diskuss l-progress li sar fis-settur turistiku, iżda wkoll ingħatat ħarsa fejn għandu jmur il-prodott turistiku Malti.
Minkejja li l-imxija tal-Coronavirus ħarbtet dan is-settur li minnu jieklu diversi ħaddiema, pajjiżna baqa’ ffokat sabiex ikun ippreparat għal meta jgħaddi kollox.
Iċ-Chairman tal-MHRA, Tony Zahra semma illi issa jmiss strateġija b’saħħitha biex fis-snin li ġejjin it-turiżmu f’Malta jkompli jitjieb fosthom billi jkun hawn aktar taħriġ għal ħaddiema Maltin li jixtiequ karriera fis-settur turistiku.
Huwa stqarr: “Allura aħna rridu nibdew issa nippjanaw għall-futur, għal meta terġa’ kif jgħidu l-Ingliżi toħroġ ix-xemx. Aħna konvinti illi Malta għandha futur tajjeb u sabiħ fit-turiżmu u allura se nibqgħu nimbuttaw biex meta toħroġ ix-xemx inkunu lesti biex nieħdu vantaġġ tagħha.”
Matul din il-laqgħa, li qed issir bħala parti mit-tiġdid tal-Partit Laburista f’għeluq il-mitt sena tiegħu, id-Deptutat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef tkellem dwar viżjoni fit-tul anki għas-settur li jqalla’ l-ħobża ta’ kuljum lil bosta ċittadini f’pajjiżna.
Is-Sur Micallef qal: “L-għan tagħna li fil-mitt sena tal-Partit Laburista aħna qed inkunu nagħmlu dan l-outreach excercise, b’tali mod li nkunu eventwalment inkunu nistgħu nġeddu l-politika tagħna għas-snin li ġejjin, mhux f’termini sal-elezzjoni li ġejja imma ħafna aktar fit-tul, viżjoni fit-tul fejn irridu naraw lil pajjiżna jiġi ‘l quddiem.”