Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras, is-Segretarju Internazzjonali John Grech u s-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali Catherine Fenech sellmu l-memorja tal-Papa Franġisku bl-iffirmar tal-ktieb tal-kondoljanzi, li jinsab fin-Nunzjatura Appostolika f’Tal-Virtù, ir-Rabat.
Il-Papa Franġisku se jibqa’ mfakkar bħala l-“Papa tan-nies”, li ħadem fis-skiet mal-vulnerabbli u l-emarġinati. F’kull laqgħa, udjenza u f’kull pajjiż, li żar, hu dejjem ippromwova d-djalogu, l-għaqda u l-paċi.
Il-memorja tiegħu se tibqa’ ħajja fost il-Maltin u l-Għawdxin biż-żjara li għamel f’April tal-2022 f’pajjiżna meta ngħata merbħa sabiħa f’kull post li żar fuq jumejn, b’mod speċjali fil-laqgħat li kellu man-nies fil-Belt Valletta, fuq il-Fosos tal-Furjana, fir-Rabat Malta, fil-Laboratorju tal-Paċi, f’Ħal Far, u anke f’Għawdex.
