Mijiet ta’ familji Maltin żaru Kastilja sabiex jibdlu l-awguri tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fost dawk li żaru lill-Prim Ministru fl-uffiċċju tiegħu ġewwa l-berġa ta’ Kastilja kien hemm numru kbir ta’ familji kif ukoll numru ta’ studenti mill-Kulleġġ Santa Tereża. Dawn it-tfal flimkien mal-għalliema u l-ġenituri tagħhom iltaqgħu mal-Prim Ministru u ħadu ritratt tal-okkażjoni.
Intant matul il-jum, l-Aminsistrazjzoni tal-Partit Laburista mmexxija mill-President tal-Partit Daniel Micallef bidlet l-awguri ma’ bosta awtoritajiet f’pajjiżna fosthom mal-Prim Ministru.
F’laqgħa mal-Prim Ministru, il-President tal-Partit Laburista faħħar il-ħidma tal-Gvern għal bosta riformi li saru u oħrajn li mistennija jsiru matul is-sena.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru rringrazzja lill-Partit Laburista tax-xogħol li jagħmel u fakkar fir-riforma li se tidħol fiż-żmien li ġej dwar ir-rappreżentazzjoni ekwa fil-Parlament.
L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista bidlet ukoll l-awguri mal-President Marie Louise Coleiro Preca, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia u l-Arċisqof Charles J.Scicluna.