L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul sostniet li tinsab imħassba dwar dikjarazzjonijiet qarrieqa li qegħdin isiru minn Cat Café, fuq il-midja soċjali.
L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul sostniet li temmen ħafna fil-potenzjal ta’ terapija bl-annimali domestiċi u tiċħad kategorikament li b’xi mod jew ieħor ma taqbilx li jkun hawn żoni għall-annimali fil-binja ta’ San Vinċenz, bħalma qed jiġi allegat minn Cat Cafe’.
Għall-kuntrarju, San Vinċenz de Paul sostna kif investa fi proġett ta’ razzett terapewtiku bl-annimali, fejn diversi annimali, mhux biss qtates, se jkollhom abitazzjoni adattat u jiġu mħarsa bl-aqwa mod possibli biex iservu ta’ terapija għar-residenti. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ terapija bl-annimali diġa’ jeżisti fis-swali ta’ San Vinċenz għar-residenti li għandhom problema ta’ mobilita’.
Il-Cat Café, li jinsab fil-bini tal-faċilità, propju biswit fejn ġej il-proġett tar-razzett terapewtiku, huwa mmexxi minn Animal Guardians Malta. Din l-organizzazzjoni kellha ftehim ma’ San Vinċenz de Paul (SVP) biex twaqqaf dar għall-qtates, li qabel kienu jitħallew fil-periferiji tal-faċilità. Il-permess, li kien għal 120 qattus, skada fl-2019. Animal Guardians Malta ripetutament baqgħet tirrifjuta li ġġedded dan il-ftehim. Fil-fatt, l-isptar San Vinċenz irrimarka li jidher b’mod ċar li l-organizzazzjoni kienet u għadha qed tikser diversi klawsoli f’dan il-ftehim, fosthom in-nuqqas ta’ indafa, irwejjaħ u traskuraġni fiż-żamma tal-post, kif ukoll il-fatt li n-numru ta’ qtates, skont il-paġna fuq il-midja soċjali, illum laħħaq madwar 300 qattus.
L-isptar kompla jispjega li s-sitwazzjoni sfortunatament qiegħda teskala tant li minkejja l-iskips ipprovduti, l-iskart u ħmieġ ieħor qed jintrema’ fuq barra tal-post.
Barra minn hekk, in-naħa ta’ ġewwa tal-Cat Café ma tħalliex aċċessibbli għall-maniġment minħabba li s-serraturi nbidlu u dan bi ksur ċar tal-kundizzjonijiet. Riżultat ta’ hekk, is-suppost kċina li saret b’mod irregolari, ma tistax tiġi spezzjonata u dan qed jagħti lok għal periklu serju. Ġie spjegat ukoll li minkejja diversi tentattivi mill-amministrazzjoni ta’ SVP biex isir kuntatt ma’ Animal Guardians Malta biex tintlaħaq soluzzjoni amikevoli, Animal Guardians Malta ripetutament naqset milli tikkopera u barra minn hekk, naqset milli tattendi numru ta’ laqgħat li ġiet imsejħa għalihom.
Intqal kif ikun irresponsabbli ħafna min-naħa tal-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz li jkompli jittollera din is-sitwazzjoni persistenti ta’ ħmieġ f’post fejn l-anzjani jingħataw kura tal-ogħla kwalità possibli.
Dan iqajjem ukoll tħassib dwar il-kwalita’ ta’ ħarsien li qed jingħataw il-qtates. Numru ta’ spezzjonijiet li saru mill-awtoritajiet konċernati jistgħu jixhdu dawn in-nuqqasijiet li qatt ma ġew indirizzati kif suppost.
L-amministrazzjoni ta’ SVP sostniet li ma tistax tħalli din is-sitwazzjoni tippersisti minħabba l-obbligu ewlieni tagħna li tħares is-saħħa tal-anzjani residenti tagħha, anzjani li huma vulnerabbli u li żżomm kemm jista’ jkun l-ogħla kwalita’ ta’ standards f’kull ħin.
Għaldaqstant, insistiet bl-appell tagħha lil Animali Guardians Malta, biex jidħlu f’diskussjoni fl-interess tar-residenti u l-qraba tagħhom, viżitaturi u l-annimali nfushom.