L-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista qabel b’mod unanimu li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għandu jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Id-deċiżjoni ttieħdet tard il-Ħadd filgħaxija wara laqgħa b’urġenza li ssejħet mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wara li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil irrifjuta s-sejħa li għamillu l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista. Dan l-istess ħin li ddefenda lil Pierre Portelli li bħal Simon Busuttil ukoll kien protagonist fil-ħadma tal-istorja Egrant.
F’kumment lill-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa Delia qal li kien kuntent li ngħata l-appoġġ b’mod unanimu mill-Amministrazzjoni tal-Partit dwar it-talba li għamel biex l-eks Kap Nazzjonalista jissospendi ruħu mill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi x’pożizzjoni se jieħu fuq l-eks Kap Nazzjonalista wara li baqa’ jirrifjuta li jissospendi lilu nnifsu mill-partit, Delia qal li issa tkellem il-Partit u jrid jara x’se tkun ir-reazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista.
Mistoqsi jekk sarx kuntatt ma’ Busuttil qabel il-laqgħa tal-amministrattiv, Delia qal li ma kienx hemm għalfejn isir kuntatt għax kien diġà sejjaħlu l-Ħadd filgħodu. Qal li jekk ikun hemm kwistjonijiet differenti jittieħdu proċeduri differenti.
Qabel il-laqgħa li bdiet għall-ħabta tas-7.00 p.m. Simon Busuttil kiteb fuq facebook li kien lest imur jiffaċċja lill-Kunsill Amministrattiv biex jgħid tiegħu għax qal li jrid jiġġieled għall-verità anke jekk jibqa’ waħdu.
Ir-reazzjoni ta’ Busuttil dwar id-deċiżjoni unanima tal-Amministrattiv tal-Partit waslet għall-ħabta tal-10.30 ta’ bil-lejl. Fuq Facebook, Busuttil sfida lill-amministrazzjoni tal-partit u qal li l-pożizzjoni tiegħu diġà hija magħrufa pubblikament u ma nbidlitx. Qal li jrid jibqa’ jaħdem għall-ġustizzja anke mingħajr l-appoġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.