L-Amerka wisset li r-Russja għandha biżżejjed truppi lesti sabiex jinvadu l-Ukrajna.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa, mill-Uffiċjal tal-White House Jake Sullivan intqal kif l-attakk mir-Russja jista’ jiġri f’kull mument.
Dan intqal wara li l-Gvern Amerikan ħeġġeġ lil dawk iċ-ċittadini Amerikani li jgħixu fl-Ukrajna sabiex jitilqu minn hemm fi żmien 48 siegħa.
Skont il-Gvern Amerikan, ir-Russja mistennija tinvadi lill-Ukrajna qabel jispiċċaw l-Olimpjadi tax-Xitwa li qed isiru f’Beijing. B’dan il-logħob Olimpiku mistenni jintemm fl-20 ta’ Frar li ġej.
L-Uffiċjal tal-White House qal li l-President Amerikan Joe Biden mistenni jkollu telefonata mal-President Russu Vladimir Putin fiż-żmien li ġej.