L-Amerka faħħret lill-Pulizija Maltija fil-ġlieda tagħha kontra l-ħasil ta’ flus wara operazzjoni u investigazzjoni kbira li wasslet għall-arrest ta’ ħmistax-il persuna u sa issa saret prosekuzzjoni fil-Qorti kontra ħames persuni li nżammu arrestati wara li ġew mixlija b’ħasil ta’ flus.
Fi stqarrija, l-Ambaxxata Amerikana f’Malta faħħret l-azzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta biex jikkumbattu l-isfruttament illeċitu u l-kuntrabandu ta’ żejt u fjuwil Libjan.
L-Ambaxxata Amerikana qalet li permezz tal-kollaborazzjoni internazzjonali fl-operazzjoni kontra il-ħasil tal-flus, Malta wriet l-impenn tagħha li taħdem mas-sħab reġjonali u internazzjonali tagħha, inkluż il-Europol, l-Italja, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti, biex tipproteġi r-riżorsi naturali tal-Libja u tiġġieled il-kriminalità organizzata.
Ilbieraħ, il-pulizija Maltija spjegat li wara diversi xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji, fuq jumejn (bejn il-Ħadd u t-Tlieta), twettqet operazzjoni li fiha l-pulizija elevat 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjelli u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludi fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.
Quddiem il-Qorti tressqu żewġ eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Jeffrey Chetcuti u tliet persuni oħra; Shawn Higgans, Gordon u Yvette Debono.
It-tnejn tal-aħħar għandhom numru ta’ kumpaniji fis-settur marittimu allegatament involuti fil-ħasil ta’ flus.
Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi ta’ dawn il-persuni.
B’rabta mal-investigazzjoni ġie rappurtat li ġie arrestat ukoll l-avukat Arthur Azzopardi li jinsab fuq il-police bail.