L-Amerka se tiddefendi kull pulzier ta’ pajjiż tan-NATO iżda l-forzi tal-Istati Uniti mhux se jidħlu fl-Ukrajna.
Dan iddikjarah il-President Amerikan Joe Biden f’indirizz lin-nazzjon wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Biden ħabbar sett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
Huwa ddeskriva dawn l-azzjonijiet fil-konfront tar-Russja bħala ħorox u qal li fost l-azzjonijiet hemm dawk li jinvolvu banek Russi.
“Se jsofru nies qrib il-Kremlin”, saħaq Biden li semma kif se jillimita n-negozju Russju bid-dollaru Amerikan.
Il-President Amerikan li tkellem mill-White House qal li l-President Russu Putin kien ilu jippjana l-attakk fuq l-Ukrajna u kellu sptarijiet għas-suldati tiegħu.
Sadanittant rapporti fil-midja internazzjonali qalu li l-kapitali Kyiv tista’ taqa’ f’idejn il-forzi Russi fis-sigħat li ġejjin.
Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy liebes ħwejjeġ tal-militar innota li tilef xi truppi iżda appella għall-kalma u qal li se jibqa’ jiġġieled kontra l-aggressjoni mir-Russja.
Il-Gvern Ukren ordna li ħadd ma joħroġ minn daru bejn l-għaxra ta’ bil-lejl u s-sebgħa ta’ filgħodu.