Il-militanti tat-Taliban jisparaw fl-ajru bħala ċelebrazzjoni f’Kabul, hekk kif l-Amerika temmet l-irtirar tal-forzi tagħha kompletament mill-Afganistan, għoxrin sena wara li invadiet il-pajjiż wara l-attakki li kienu saru fil-11 ta’ Settembru tal-2001.
L-aħbar li l-Amerika temmet l-evakwazzjoni ġiet imħabbra mill-Kap Kmandant Ċentrali Amerikan, il-Ġeneral Frank McKenzie f’Pentagon.
Fl-indirizz tiegħu huwa qal li t-truppi Amerikani ma rnexxilhomx joħorġu lil kull Afgan li xtaq jaħrab mill-ħakma Talibana. McKenzie tenna wkoll li din kienet tkun impossibbli anke jekk damu aktar fl-Afganistan hekk kif iddeskirva din is-sitwazzjoni bħala waħda iebsa.
L-aħħar titjira mill-ajruport ta’ Kabul saret minuta qabel ma qaleb l-aħħar jum ta’ Awwissu. Din saret taħt sigurtà stretta wara li fl-aħħar jiem saru żewġ attakki fuq l-operazzjoni tal-evakwazzjoni li ħallew numru ta’ persuni mejta, fosthom tfal.
Intant, it-Taliban qalu li dan huwa mument storiku hekk kif l-Afganistan skonthom kiseb indipendenza sħiħa.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/08/31/it-talibani-jwaqqfu-amerikani-milli-jidhlu-l-ajruport-fkabul/