L-Amerika tammetti dwar il-qtil ta’ għaxar persuni innoċenti, fosthom tifla ta’ sentejn, waqt attakk bi drone f’Kabul jiem qabel ma temmew 20 sena ta’ operazzjoni militari fl-Afganistan.
Dan ġie identifikat minn investigazzjoni, li fiha ntqal kif ħaddiem Afgan flimkien ma’ seba’ uliedu u żewġ membri oħra tal-familja tiegħu inqatlu fi strajk li sar fid-29 ta’ Awwissu.
Dan l-attakk fatali seħħ ġranet wara attakk terroristiku fl-ajruport ta’ Kabul.
L-intelliġenza Amerikana kienet issorveljat l-karozza ta’ dan il-ħaddiema li kienet issuspettata li kienet marbuta ma’ militanti tal-Istat Iżlamiku f’Kabul. Mis-sorveljanza kien jidher li xi rġiel bdew jgħabbu dak li deher bħala splussiv fil-but tal-karozza, madanakollu, dawn irriżultaw li ma kienu xejn għajr kontenituri tal-ilma.
Il-Ġenerali Kenneth McKenzie ddeskriva dan l-attakk bħala żball traġiku filwaqt li tenna li t-Taliban ma kinux involuti fl-intelliġenza li wasslet għall-istrajk.
McKenzie talab skuża u qal li se jagħmlu ħilithom biex jitgħallmu minn dan l-iżball li temm għaxar ħajjiet innoċenti.