Bosta li qed imexxu kampanji favur li jiddaħħlu restrizzjonijiet għall-użu tal-armi fl-Amerika laqgħu l-aħħar żvillup, hekk kif jidher li l-Kungress Amerikan se jagħmel progress f’dak li ilu snin jintalab; jiġifieri, li jkun hemm aktar kontroll fl-użu tal-armi.
Madanakollu, l-istess persuni qalu li hemm bżonn ta’ aktar proposti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fl-Istati Uniti. Fil-fatt, l-Amerika għandha l-ogħla rata ta’ qtil b’armi tan-nar fost il-pajjiżi għonja tad-dinja.
Fl-aħħar snin, saru diversi tentattivi biex jinbidlu l-liġijiet, iżda, dawn qatt ma kellhom l-appoġġ meħtieġ mill-Kungress biex jiġu vvotati f’liġijiet.
Jidher iżda, li l-istorja ser tinbidel. Fil-fatt, il-proposti mressqa u li diġà ġew approvati mill-Kamra tar-Rappreżentanti, għandhom l-appoġġ ta’ 10 senaturi Repubblikani. Bħalissa, ir-Repubblikani jokkuppaw il-maġġorranza tas-siġġijiet fis-Senat Amerikan.