Is-segretarju tad-difiża tal-Istati Uniti, James Mattis qal li l-Amerka għadha tittama li ssolvi l-kriżi tal-Korea ta’ fuq billi tuża d-diplomazija.
Wara ġranet ta’ rettorika miż-żewġ naħar, kemm l-Istati Uniti kif ukoll il-Korea ta’ fuq, Mattis qal li gwerra tkun katastrofika u li d-diplomazija kienet qed iġġib ir-riżultati.
Dan wara li l-Ħamis li għadda, Pyongyang ħabbret li kienet qed tiffinalizza pjan biex tispara erba’ missili qrib it-territorju tal-Istati Uniti ta’ Guam.
Intant, aktar kmieni l-President Donald Trump qal li l-Korea ta’ Fuq għandha għalfejn tkun “ħafna ħafna nervuża,” jekk twettaq dak li qalet din il-ġimgħa.
Trump wissa wkoll li r-reġim se jiġi fl-inkwiet jekk iwettaq xi attakk.