Mindu daħal fis-seħħ is-servizz ta’ ambulanza fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid f’Marzu ta’ tliet snin ilu, kien hemm aktar minn sitt elef sitt mija u sebgħin sejħa għall-għajnuna.
Ċifri li kiseb ONE News juru li kulma jmur, it-talbiet qed jiżdiedu.
Filfatt, filwaqt li fl-elfejn u sittax kien hemm kważi elf u sitt mitt talba, fl-elfejn u sbatax dawn żdiedu għal elfejn u erba’ mija. Żdiedu bi ftit is-sena ta’ wara, u din is-sena sa issa fl-ewwel xahrejn diġà kien hemm aktar minn tliet mitt talba għall-għajnuna.
TALBIET GĦALL-GĦAJNUNA | ||
2016 | MARZU-DIĊEMBRU | 1,592 |
2017 | JANNAR-DIĊEMBRU | 2,403 |
2018 | JANNAR-DIĊEMBRU | 2,424 |
2019 | JANNAR | 251 |
Id-Deputy Charge Nurse taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid Gesmond Micallef spjega li dawn iċ-ċifri jixhdu l-bżonn kbir li kien hemm għal dan is-servizz. Liema servizz qed inaqqas il-ħin mitluf fl-ivvjaġġar biex jiġu salvati aktar nies f’inqas ħin.
“L-emerġenza huwa time response. Iktar ma nilħqu l-pazjent f’inqas ħin possibbli iktar aħjar. Eżempju attakk tal-qalb fuq in-naħa taż-Żurrieq jew Birżebbuġa minn hawn sa Birżebbuġa d-distanza hija iqsar minn jekk ikollok ambulanza telqet minn Mater Dei qsamna nofs triq qed niffrankaw qisu 15-20 minutes,” qal is-Sur Micallef.
Minbarra li tkopri l-lokalitajiet kollha fin-naħa t’isfel ta’ Malta, l-ambulanza ta’ Raħal Ġdid tissejjaħ ukoll fuq inċidenti li jseħħu fil-portijiet u żoni industrijali – bħall-Ajruport u l-Port Ħieles/
Biex tkun assigurata l-aqwa kura, il-professjonisti li jaħdmu fl-ambulanzi jingħataw taħriġ kontwinu – bl-aktar riċenti ntemm dan ix-xahar minn professjonisti tar-Royal Surgeons of Edinburgh.
Bħalma tixhed l-istatistika, dawk li offrew is-servizz tagħhom b’tant dedikazzjoni f’dawn l-aħħar tliet snin, ħallew ir-riżultati.
“Kellna choking ta’ tfal li salvajna, kellna CPRs li morna tajjeb fihom, kellna drowning, kellna stab wounds, gunshots, qtugħ ta’ nifs, li lkoll morna tajjeb fihom,” saħaq is-Sur Micallef.
Huwa vera li din hija professjoni, iżda s-Sur Micallef stqarr li xogħlu jmur lil hinn minn sempliċiment sors li jagħtih il-ħobża ta’ kuljum. Qal li għalkemm ċertu każijiet iħalluh emozzjonat – l-aktar dawk ta’ suwiċidji, xejn aktar ma jagħtih sodisfazzjon daqskemm meta jgħin isalva l-ħajjiet.
“Mhix faċli imma dan huwa xogħol tagħna, xogħol li nħobbuh, nemmnu li anki according to the statistics qed insalvaw ħafna ħajjiet, u qed nilħqu l-pazjenti fl-inqas ħin possibbli,” huwa temm jgħid.