Quddiem is-sit tal-powerstation l-antika fil-Marsa, id-Deputat u Kandidat għal mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li dan is-sit sar tifkira ta’ kif kien Gvern Laburista li għalaq il-“fabbrika tal-kanċer” u b’hekk il-Marsin bdew igawdu minn kwalità ta’ arja aħjar.
Dr Abela kompla jgħid li fadal ferm aktar xi jsir, u bħala Prim Ministru, se jara li kemm il-Marsa kif ukoll il-bqija tal-pajjiż igawdu minn ambjent nadif u isbaħ. Din hi waħda mill-proposti ewlenin li ressaq bħala parti mill-kampanja tiegħu għal mexxej tal-Partit Laburista.
Dr Abela stqarr: “Illum żorna l-lokalità tal-Marsa, post li tant għandi għal qalbi, lokalità illi diġà qed terfa’ l-piż tal-immigrazzjoni u li jixirqilha ambjent aħjar, kif jixraq lill-Malta u lill-Għawdex kollu. Bit-tħawwil ta’ aktar siġar madwar kull rokna ta’ Malta u t’Għawdex nistgħu nwasslu għal ambjent aħjar, kwalità ta’ arja aħjar, għal ambjent aktar pjaċevoli, għal aktar ħdura madwar il-gżejjer tagħna, għal ambjent aktar sabiħ, għal kwalità ta’ arja aħjar, għal kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Dr Abela aċċenna wkoll li waqt li l-infrastruttura tibqa’ prijorità din m’għandix tkun ta’ ħsara għall-art ODZ. Dan għaliex din għandha tisaħħaħ b’aktar siġar sabiex ikollna aktar arja nadifa. Prijorità oħra hija li nżidu l-postijiet ta’ rekreazzjoni.
L-Avukat Abela enfasizza kif ambjent nadif u ekonomija b’saħħitha għandhom jaħdmu id f’id propju għaliex jirriflettu ruħhom f’livell ta’ għixien aħjar għal kulħadd.