Il-mexxejja ta’ għada ħadu r-riedni fi jdejhom fil-Parlament waqt il-ħmistax-il sessjoni tal-Ekoskola, li mexxiha l-ispeaker Anġlu Farrugia.
Preżenti għal din l-edizzjoni ta’ EkoSkola, kien hemm numru ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra li, flimkien ma’ studenti minn diversi skejjel, iddiskutew temi ta’ importanza ambjentali.
Fost is-suġġetti diskussi kien hemm it-trasport sostenibbli, il-ħarsien tal-ibħra, kif ukoll l-enerġija u l-provvista tal-ilma.
F’kelmtejn li għamel l-ispeaker Farrugia qabel bdiet id-diskussjoni, saħaq fuq l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent ta’ madwarna li jinkludi kemm dak naturali kif ukoll il-patrimonju kulturali.
Anġlu Farrugia tkellem ukoll dwar l-obbligu tal-mexxejja dinjija li jaħdmu qatigħ bil-għan li jilħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli biex b’hekk inkunu nistgħu ngħixu ħajja dinjituża.
Dawn il-miri jinkludu ħidma sabiex jiġi eradikat il-faqar fuq skala globali, kura għall-morda, kif ukoll xogħol diċenti għal kulħadd.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti għamel referenza għall-konferenza dwar it-tibdil fil-klima, magħrufa bħala l-COP26, u stqarr li kulħadd jagħraf il-konsegwenzi iebsa tat-tibdil fil-klima. Madankollu, diversi pajjiżi jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet kbar biex ma jibqgħux jużaw il-faħam u minflok jadottaw politika favur investiment f’riżorsi rinovabbli.