“L-għan tagħna huwa li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament il-Ħamis filgħaxija waqt li kien qed jiġi diskuss ħdax-il abbozz ta’ liġi mressqa mill-Oppożizzjoni, fejn hawnhekk huwa nnota n-negattività tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Bernard Grech u r-rieda ta’ Gvern immexxi minnu.
Jien l-ambizzjoni politika tiegħi u l-għan politiku għal Ottubru li ġej huwa li jekk ningħata l-fiduċja mill-poplu li nerġa’ niġi f’din il-Kamra, inressqu Budget ieħor li bih inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Li f’Ottubru niġi hawn u mal-pensjonanti nkun nista’ nitħaddet u ngħidilhom kif se nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom billi nkomplu ntejbu il-pensjonijiet tagħhom. U mela noqgħod nitħaddet lil min se nixħet il-ħabs u meta se nixtħu l-ħabs.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna kif l-liġijiet li trid iddaħħal l-Oppożizzjoni, bl-aktar mod ċar itappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Jiġifieri intom tridu li ndaħħlu liġi fejn aħna mal-komunità internazzjonali ngħidu li f’Malta għandna stat mafjuż, m’għandkomx ċans.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tenna kif dan il-Gvern fl-aħħar xhur ħadem qatigħ sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-bord tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-fatt qal kif il-Gvern kkonsulta kemm felaħ mal-entitajiet involuti, fosthom akkademiċi u ġurnalisti, kif ukoll istituzzjonijiet internazzjonali, biex ikun f’pożizzjoni li jaħtar Kumitat ta’ Esperti kif suġġerit mill-inkjesta pubblika nnifisha, kumitat li anke dwar il-membri tiegħu saret konsultazzjoni wiesa’ u qed jitmexxa mill-Imħallef Michael Mallia, li mexxa wkoll il-bord tal-inkjesta pubblika.
Fil-Parlament il-Prim Ministru ppreżenta l-abbozzi li tressqu mill-Gvern quddiem il-Kumitat tal-Esperti.
Abbozzi li fuqhom il-Gvern mistenni jippreżenta liġi anki ambizzjuża għall-protezzjoni tal-ġurnalisti, magħrufa bħala Anti-Slapp.
Se nkun qiegħed issa stess inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-abbozzi illi aħna ressaqna quddiem il-Kumitat tal-Esperti, naturalment, b’rispett lejn il-ħidma tal-Kumitat. Aħna mhux ser inkunu qed immexxu bil-proċess formali sakemm il-Kumitat jiġi lura bir-reazzjonijiet tiegħu.
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru nnota kif kien dan il-Gvern li wettaq bosta riformi li saħħew il-governanza f’pajjiżna, fosthom kif jinħatar il-Kummisarju tal-Pulizija.
L-istitituzzjonijiet ukoll ingħataw importanza assoluta, hekk kif fi kliem il-Prim Ministru dawn ingħataw ir-riżorsi meħtieġa sabiex jaħdmu bl-aktar mod indipendenti.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru temm b’messaġġ ta’ kuraġġ u ta’ viżjoni għal Malta.
Aħna nemmnu fin-nies u nemmnu f’Malta. Iva, sinjura President Malta li ser inħallu lil uliedna se tkun Malta dejjem aktar ġusta u se jerġa’ jkun dan il-Gvern li jmexxi ’l quddiem ir-riformi importanti u meħtieġa. Għalhekk, se nkomplu nżommu l-ekonomija b’saħħitha, għalhekk se nkomplu nżommu l-fiduċja f’dan il-pajjiż b’saħħitha. Dan ser jibqa’ pajjiż fejn fih tista’ taħdem bl-anqas xkiel possibbli fejn tista’ iva tilħaq il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tiegħek u timxi ’l quddiem.
il-Prim Ministru Robert Abela