L-ambizzjoni ta’ Malta hija ferm akbar mid-daqs tagħha, u hija ġurisdizzjoni unika grazzi għall-mod kif tħares ‘il quddiem, u l-mod kif rat potenzjal f’setturi bħal dak tal-gaming.
Dan kien kliem is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn dan is-settur, Silvio Schembri, meta kien qed jindirizza l-ħames edizzjoni tal-konferenza SiGMA aktar kmieni l-Erbgħa.
Schembri spjega kif l-interess minn dawk li jattendu dawn it-tip ta’ konferenzi dejjem qed jiżdied, u din il-konferenza bla dubju hija pjattaforma imprezzabbli biex Malta turi kemm verament hija ċentru ta’ eċċellena għall-gaming.
Huwa fatt li Malta stabbiliet lilha nnifisha bħala pjunier f’dan is-settur. Schembri fakkar kif 14-il sena ilu biss, Malta mexxiet rivoluzzjoni f’dan is-settur billi ħolqot framework regolatorju innovattiv. B’dan il-mod, Malta ħolqot ċertezza għal diversi operaturi biex jiffunzjonaw f’pajjiżna, li tul dawn is-snin kibru u kkontribwixxew għat-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna.
Tul is-snin, dan l-istess framework regolatorju evolva biex ikun jista’ jaddatta għal settur li dejjem qed isir aktar kompettitiv. Tant, li aktar kmieni din is-sena, daħal fis-seħħ att ġdid dwar il-gaming, li għandu l-għan li jelimina għal kollox ċertu proċeduri burokratiċi billi jagħmel biss żewġ tipi ta’ liċenzji disponibbli. Dan filwaqt li saħħaħ ir-regolatur tas-settur billi żied il-livell ta’ superviżjoni u monitoraġġ. Dan kollu, jispjega Silvio Schembri, jagħmel lil Malta post ideali biex operaturi jiksbu liċenzja prestiġġjuża tas-settur.
Fakkar ukoll kif il-Gvern issa qed iħares lejn is-settur tal-eSports, tant li fix-xhur li ġejjin se tinħoloq strateġija għal dan is-settur. B’dan il-mod, il-Gvern poġġa lil Malta fil-qalba tal-industrija tal-gaming, biex Malta tkun hub tajba għall-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-eSports.
Schembri żied li l-Gvern waqqaf ukoll l-Istitut Ewropew tal-Gaming għal Malta, wara ftehim bejn l-Awtorità Maltija għal-Logħob, l-MGA, u l-MCAST. Din qed isservi bħala pjattaforma biex tidentifika talent, u toħloq impjiegi fit-tul f’dan is-settur.
Dan kollu huwa prova, fi kliem is-Segretarju Parlamentari Schembri, li Malta hija l-għażla naturali tal-operaturi f’dan s-settur. Għażla naturali li diġà qed tospita 300 kumpanija tal-gaming, li hija fil-qalba ta’ dan is-settur kompetittiv u kruċjali.