- Ukreni b’passaport diġitali daqt biċ-ċans li jivvjaġġaw fl-UE mingħajr viża
Ċittadini Ukreni b’passaport diġitali daqt se jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea mingħajr l-użu ta’ viza.
L-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea kkonfermat dan il-ftehim, f’isem il-Kunsill. Ftehim li ġie milħuq mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Ukreni, li kienet waslet għalihom ftit tal-jiem ilu.
Il-ftehim mal-Parlament Ewropew intlaħaq f’laqgħa waħda, turija ċara tal-impenn kbir tal-Presidenza Maltija u l-kollegi fil-Parlament Ewropew bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.
Ladarba l-ftehim jiġi approvat matul ix-xhur li ġejjin, iċ-ċittadini Ukreni li huma fil-pussess ta’ passaport diġitali se jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea mingħajr viża għal perjodu ta’ 90 ġurnata f’perjodu ta’180 jum.