Tony Raful Tejada, l-Ambaxxatur tar-Repubblika Dominicana, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President Malti, George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Il-President Vella qal li minkejja d-distanza bejn iż-żewġ pajjiżi, Malta tapprezza r-rabtiet dipolamatiċi mar-Repubblika Dominicana.
Barra minn hekk hu esprima kif pajjiżna jilqa’ b’sodisfazzjoni il-possibilita’ li jiġu esplorati r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u l-Karibew.
Il-President għamel referenza wkoll għall-mandat li jmiss ta’ pajjiżna bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li saħaq dwar il-prijoritajiet li ser jiġu indirizzati matul dan il-perjodu.
L-Ambaxxatur esprima x-xewqa li jaħdem fuq arranġamenti li permezz tagħhom jistgħu jiġu strutturati r-relazzjonijiet ma’ Malta.
Il-pożiżżjoni u l-istorja ta’ Malta joffru opportunita’ għall-kummerċ u t-turiżmu. Hu żied jgħid li t-turiżmu huwa kontributur ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżu filwaqt li ċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku huma inkoraġġanti f’ dan ir-reġjun.
Tejada elabora wkoll dwar pajjiż ġar, il-Haiti. Hu ffoka l-aktar fuq it-temi ta’ sigurtà u migrazzjoni.