L-Ambaxxatur tar-Renju tal-Marokk, Youssef Balla, ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Filwaqt li laqa’ lill-ambaxxatur, il-President Vella rrefera għar-relazzjonijiet li ilhom għal żmien twil bejn iż-żewġ pajjiżi, u li tul is-snin issaħħew permezz tal-parteċipazzjoni f’forums Mediterranji, bħall-Forum tal-Mediterran tal-Punent u l-Unjoni għall-Mediterran. Il-President Vella rrefera wkoll għall-appoġġ ta’ Malta għal relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk. Dwar il-qasam bilaterali, il-President Vella osserva li għad hemm lok għal titjib fl-iskambji kummerċjali.
Dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxatur Balla qal li l-Marokk jinsab f’pożizzjoni tajba ħafna biex ikun il-bieb kummerċjali ta’ Malta għall-Afrika. Huwa għarraf ukoll lill-president li l-Marokk iqis b’mod pożittiv ħafna r-rwol ewlieni li ħadet Malta tul is-snin dwar kwistjonijiet fil-Mediterran, b’mod speċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. L-ambaxxatur qal li l-Marokk jifhem bis-sħiħ it-tħassib ta’ Malta dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fir-reġjun kif ukoll dwar sfidi urġenti oħra bħat-tibdil fil-klima u r-riżorsi tal-enerġija.
Tqajmet ukoll is-sitwazzjoni dwar il-migrazzjoni, fejn il-President Vella enfasizza l-importanza li Malta tagħti lill-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Marokkini dwar dan is-suġġett.