L-Ambaxxatur tal-Arġentina għal Malta, Roberto Manuel Carlés, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Il-President Malti elenka dwar ir-relazzjoni tajba bejn pajjiżna u l-Arġentina, minn meta ġiet stabbilita lura fl-1975.
Il-President qal li minkejja d-distanza ġeografika bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, Malta tħares ‘il quddiem li tikkollabora mal-Arġentina biex issaħħaħ il-kooperazzjoni eżistenti, filwaqt li tassigura aktar opportunitajiet ġodda.
Il-President spjega li Malta tappoġġja t-tisħiħ fir-relazzjonijiet bejn l-Arġentina u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew mal-Unjoni Ewropea.
L-Ambaxxatur tkellem ukoll kif pajjiżu qed jerġa’ jingħata rwol prinċipali fuq livell internazzjonali bħala fornitur tal-ikel u r-riżorsi tal-enerġija.
Il-kredenzjali tal-Arġentina f’dawn is-setturi mistennija jiġu diskussi f’pajjiżna fil-futur qarib.
L-Ambaxxatur stqarr li l-kooperazzjoni kulturali ma’ Malta se tiġi indirizzata wkoll tul il-mandat tiegħu.
Matul id-diskussjoni ġew imsemmija wkoll l-iżviluppi fl-Ukrajna u fil-Venezwela.