L-Ambaxxatur tal-Alġerija, Abdelkarim Touharia, ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Wara li laqa’ lill-Ambaxxatur, il-President Vella fakkar li Malta u l-Alġerija għandhom affinità storika minħabba l-prossimità ġeografika u x-xebh storiku. Żied jgħid li matul is-snin, l-iskambji bejn iż-żewġ komunitajiet ħallew marka fuq l-identità, il-lingwa u d-drawwiet ta’ xulxin. Ħeġġeġ lill-ambaxxatur iżur Malta kemm jista’ jkun spiss biex jidentifika u jespandi l-potenzjal eżistenti għal kooperazzjoni fil-kummerċ, l-enerġija, l-edukazzjoni terzjarja u s-saħħa.
L-Ambaxxatur Touharia spjega l-pjanijiet tiegħu li jaħdem fuq diversi opportunitajiet ta’ kooperazzjoni u identifika s-sajd, it-turiżmu, u n-negozji ġodda fost il-prijoritajiet tiegħu.
Id-diskussjoni inkludiet ukoll ir-rwol li tradizzjonalment kellha Malta fl-Unjoni Ewropea biex tenfasizza l-importanza tal-istabbiltà u s-sigurtà fl-Afrika ta’ Fuq u l-pajjiżi ġirien fir-reġjun tas-Saħel.