L-Ambaxxatur tal-Istat ta’ Iżrael, Ze’ev Boker, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Waqt id-diskussjonijiet, il-President Vella u l-Ambaxxatur Boker tkellmu dwar l-oqsma fejn Malta u Iżrael jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġija, l-ilma, it-turiżmu, l-edukazzjoni u s-saħħa. Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-popli, iż-żewġ partijiet laqgħu l-inizjattivi meħuda mill-Uffiċċju tal-President biex ifakkar, għal snin suċċessivi, l-Olokawst u l-festa tal-Hannukah b’kollaborazzjoni mill-qrib ħafna mal-komunità Lhudija f’Malta.
Filwaqt li kkummenta dwar is-sitwazzjoni reġjonali preżenti, il-President Vella stqarr li minkejja ż-żieda attwali fit-tensjonijiet fuq il-post, Malta tafferma mill-ġdid l-impenji tagħha li jsir progress fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u tkompli tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jesploraw l-opportunitajiet kollha possibbli disponibbli biex jerġgħu jibdew negozjati sinifikanti.