L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit, kien preżenti fil-Vatikan illum, waqt il-funeral tal-Papa Benedittu XVI.
Permezz tal-mezzi soċjali, spjega l-aħħar mumenti tal-Papa Benedittu XVI:
“Il-Papa xorta kien luċidu f’dak il-ħin u saħansitra talab għal kwarta mal-familja pontifiċja tieghu. Sakemm waslu d-disa u nofs u erba u tletin minuta, sakemm dik il-qalb mimlija mħabba għal Ġesu, waqfet tħabbat.
Mons. Gaenswein avża mmedjatament lil-Papa Frangisku li wasal fi ftit minuti ħdejn il-Papa Emeritus li kien għadu kif ħalla din id-dinja. Taw siġġu lil-Papa u qagħad bilqegħda hdejn il-predeċessur tiegħu. Il-Papa stieden lil kulħadd sabiex jibqgħu hemm ħalli issa ma jitolbux aktar għal moribond iżda għal mejjet.”
Spjega li qabel id-difna finali, kien il-Maestro tac-Celebrazzjonijiet Liturgici Pontificji Mons. Diego Giovanni Ravelli u s-Segretarju Partikolari Mons. Georg Gaenswein li dehru jagħttu wiċċ il-Papa Emeritus b’biċċa tal-ħarir. Kompla jispjega li dan il-proċess suppost isir minn membri tal-familja tiegħu, imma sar minn dawn iż-żewġ prelati. Dan il-ġest huwa wieħed simboliku, spjega l-Ambaxxatur Malti: “qed jaħttulu wiċċu mid-dinja darba għal dejjem.”
Ftit minuti qabel id-difna, it-tebut kien magħmul minn tliet saffi: wieħed taċ-ċipress miksi bid-damask aħmar, ieħor magħmul miż-żingu, u saff tal-injam tal-ballut.
Id-Dekan tal-Kullegg tal-Kardinal, l-E.R.T. Giovanni Battista Re bierek it-tebut ghall-aħħar darba qabel ingħalaq il-qabar bi plakka tal-irħam.
“Trab konna u trab irridu nerġgħu nsiru…papiet, rejiet, politiċi, nies għarfa, nies sempliċi, etċ etċ, ” qal l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede. “Il-Mulej jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lil-Papa Emeritus Benedittu XVI.”