L-Ambaxxatur Ġermaniż f’Malta nnota l-ammont ta’ investiment mill-Ġermanja f’Malta.
F’intervista mal-gazzetta Independent, Walter Hassmann innota kif id-deċiżjoni tal-FATF li titfa’ lil Malta fi proċedura t’aktar moniteraġġ, ma ħallitx xi impatt kbir u saħaq li mhux konxju li xi investituri Ġermaniżi waqfu milli jitfgħu flushom f’pajjiżna.
Bi kliem ċar, l-Ambaxxatur Ġermaniż qal mal-gazzetta li huwa kburi b’dak li rnexxielhom jagħmlu l-investituri Ġermaniżi f’pajjiżna f’diversi setturi.
Id-dikjarazzjonijiet tal-Ambaxxatur Ġermaniż, li tkellem ukoll kemm iħossu kuntent li jaħdem f’Malta, imorru id f’id ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra, li fih stmat li din is-sena, Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li d-deċiżjoni tal-FATF, b’rabta mal-proċedura ta’ moniteraġġ fuq Malta, qed tħalli effetti limitati.
Il-Ġermanja hija l-aktar pajjiż li Malta issa tesporta lejh, b’erba’ mija u erbgħa u għoxrin miljun ewro fl-2020.
L-importazzjoni mill-Ġermanja lejn Malta wkoll żdiedet fl-aħħar snin.