L-ambaxxatur il-ġdid tal-Ġappun Satoshi Suzuki ppreżenta l-Ittri tal-Kredenzjali lill-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz fil-Belt Valletta.
Il-President Vella laqa’ lill-ambaxxatur il-ġdid u faħħar ir-relazzjonijiet b’saħħtihom bejn iż-żewġ pajjiżi, u wera sodisfazzjon għall-aħbar li l-Ġappun se jiftaħ ambaxxata f’Malta fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Il-President fakkar fil-kooperazzjoni attiva bejn iż-żewġ nazzjonijiet, speċjalment minħabba l-fatt li kemm Malta kif ukoll il-Ġappun għandhom siġġu mhux permanenti fin-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu 2023-2024. Finalment, il-President qal li Malta tinsab ħeqana biex tipparteċipa fil-World Expo li jmiss, f’Osaka, il-Ġappun.
Intant, l-ambaxxatur Suzuki qal li parti mill-ħidma tiegħu se tkun li jfittex opportunitajiet għal investiment privat Ġappuniż f’Malta u semma l-importanza tal-multilateriżmu. Huwa rringrazzja lill-President Vella għall-parteċipazzjoni tiegħu fiċ-ċerimonja tat-tlugħ fuq it-tron tal-Maestà Tiegħu l-Imperatur tal-Ġappun f’Ottubru tal-2019.