L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Liberja, Gurly T. Gibson Schwarz ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha, lill-President ta’ Malta George Vella, f’ċ-ċerimonja saret fil-Palazz tal-President, il-Belt.
Il-President Vella spjega li wara l-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi fl-2008, Malta hija ħerqana li żżid il-kuntatti tagħha mal-Liberja.
Hu għamel referenza għas-settur tal-edukazzjoni fejn studenti Liberjani jsegwu regolarment korsijiet speċjalizzati fl-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali.
Il-President Vella irrefera wkoll għar-relazzjonijiet bejn il-Liberja u l-Unjoni Ewropea, fejn qal li Malta tilqa’ d-djalogu pożittiv u kostruttiv u rrefera f’aktar dettall għall-kuntatti produttivi li qegħdin isiru bħalissa mal-ECOWAS.
L-Ambaxxatriċi Schwarz wasslet l-apprezzament ta’ pajjiżha għall-assistenza pprovduta mill-awtoritajiet Maltin fil-ġlieda kontra l-COVID.
Spjegat li r-relazzjonijiet laħqu punt fejn il-Liberja tilqa’ aktar investiment minn Malta. L-Ambaxxatriċi tat ħarsa dettaljata lejn l-iżvilupp kontinwu tal-Liberja u ffukat fuq l-attivitajiet industrijali primarji tas-sajd, il-minjieri u l-agrikoltura.
Barra minn hekk, ġiet diskussa wkoll l-importanza tal-enerġija rinnovabbli għaż-żewġ pajjiżi.