L-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti tal-Amerka Constance J. Milstein ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella, fil-Palazz Sant’Anton, Ħ’Attard.
Il-President laqa’ lill-Ambaxxatriċi f’Malta u rrefera għall-potenzjal kbir li jintensifikaw ir-relazzjonijiet bilaterali, li t-tnejn qablu li huma eċċellenti. L-Ambaxxatriċi Milstein enfasizzat l-impenn tagħha li taħdem mal-partijiet kollha kkonċernati f’Malta biex tiżgura li l-kuntatti jibqgħu jissaħħu.
Matul il-laqgħa ġew diskussi diversi kwistjonijiet reġjonali, b’enfasi fuq il-gwerra fl-Ukrajna u l-instabbiltà fil-Mediterran. Il-President Vella osserva li hemm diversi kwistjonijiet urġenti fir-reġjun, li jvarjaw mill-instabbiltà kontinwa fil-Libja, it-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran u x-xenarju inkwetanti dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani. Issemmiet ukoll il-migrazzjoni, fejn il-President Vella fakkar programm tal-Istati Uniti għar-risistemazzjoni ta’ refuġjati minn Malta, li m’għadux fis-seħħ, u qal li dan il-mekkaniżmu kien ta’ appoġġ kbir għal Malta.