L-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta, G. Kathleen Hill, tinsab sodisfatta bil-kollaborazzjoni li għaddejja bħalissa bejn entitajiet Maltin u Amerikani b’rabta mal-hub mediku f’Għawdex.
F’intervista ppubblikata fuq maltaprofile.info, Hill qalet li t-tkabbir fis-settur tal-kura tas-saħħa wassal għal interess fl-Amerka, bi msieħba Maltin u Ewropej jiddiskustu ma’ kumpaniji Amerikani.
B’referenza għas-settur finanzjarju, l-ambaxxatriċi qalet li s-servizz finanzjarju f’Malta huwa settur ieħor li se jkompli jattira l-attenzjoni mill-investituri.
Hill, li ħadet l-inkarigu ta’ ambaxxatriċi ftit tal-ġimgħat ilu, innotat li l-Gvern u s-soċjetà ċivili huma bieżla fis-settur soċjali. Kellha wkoll kliem ta’ tifħir għall-introduzzjoni tal-liġi tal-identità tal-ġeneru.
Dwar il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea qalet li din hija opportunità għal Malta biex temfasizza kwistjonijiet li huma ta’ interess għal pajjiż, inkluż l-immigrazzjoni, is-sigurtà reġjonali u d-drittijiet tal-bnedmin. “Huwa mument fejn Malta tippromwovi l-pjattaforma b’saħħitha li għandha b’rabta man-negozju, u s-sbuħija naturali tagħha,” qalet l-Amerikana.
Ritratt: maltaprofile.info