Id-diskussjoni dwar l-ewatanżja f’pajjiżna hija prematura ħafna. Hemm bżonn, minflok, diskussjoni dwar it-testment bioloġiku.
Dan temmnu l-Alternattiva Demokratika, li fi stqarrija spjegat li ż-żewġ kunċetti huma kompletament differenti. L-Alternattiva temmen li dak dwar l-ewtanażja huwa dibattitu fuq is-suwiċidju assistit. Iżda permezz tat-testment bioloġiku, wieħed jista’ jagħżel x’tip ta’ trattamenti ta’ terapija lest li jagħmel u liema mhux lest jagħmel, f’każ li ma jkunx jista’ jesprimi fehmtu minħabba l-mard. Dan it-testment isir meta wieħed ikun f’siktu, bi preparazjoni għal mard li jista’ jinqala.
L-Alternattiva Demokratika fakkret li diġa’ hemm il-possibiltà li pazjenti jagħżlu li jiefqu jieħdu trattament mediku.
Testment bioloġiku jsolvi d-dilemma li tqum meta pazjent ma jkunx jista’ jiddeċiedi għalih innifsu. F’dan it-testment wieħed jista’ jispeċifika jekk jixtieqx li ħajtu tkompli għaddejja fuq il-magni jew b’mezzi artifiċjali, f’każijiet fejn kieku ma jkunux interventi mediċi, l-ħajja kienet tintemm.
Filwaqt li ma taqbilx mal-introduzzjoni tal-ewtanażja, l-Alternattiva qalet li hija favur l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ testmenti bioloġiċi.