L-allowance tal-Gvern għat-tfal b’diżabilità hija kważi d-doppju ta’ dak li kienu jirċievu l-istess benefiċjarji 10 snin ilu.
Irrimarka dan is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, waqt intervista ma’ ONE News ftit jiem biss wara li bdew jitħallsu l-pagamenti taċ-children’s allowance, fost oħrajn.
Musù osserva ż-żieda b’saħħitha li kien hemm fl-allowance tat-tfal b’diżabilità.
“Hemmhekk, sa 10 snin ilu, l-allowance kienet ta’ madwar €16 fil-ġimgħa. Illum l-allowance qed nitkellmu fuq €30 fil-ġimgħa, jiġifieri qed nitkellmu kważi rduppjat fl-aħħar 10 snin. Illum qed nitkellmu fuq allowance li tilħaq it-€30 fil-ġimgħa għal kull wild b’diżabilità. Din titħallas lil tfal li jkunu taħt is-sittax il-sena u jkunu ġew iċċertifikati li jkollhom xi tip ta’ diżabilità”
Intant, is-Sur Musù aċċenna għal xi statistika rigward il-familji li bbenefikaw mill-għotja miżjuda taċ-children’s allowance, skond dak imħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla u paripassi mal-wegħda ta’ fil-manifest elettorali li din l-allowance tiżdied b’€450 tul din il-leġiżlatura.
“Bħala totall ta’ familji li bbenefikaw kien hemm aktar minn 40,000, jiġifieri aktar minn 40,000 familja li jieħdu c-children’s allowance u bħala tfal madwar 60,000, 61,000 tifel u tifla. Jiġifieri dawk huma l-benefiċjarji tal-pagament li għadu kemm ħareġ.”
Musù aċċenna wkoll għall-pagamenti oħrajn li tħabbru s’issa mill-istess Ministeru, fosthom dak tal-in-work benefit, li llum il-ġurnata aktar nies qed jibbenefikaw minnu hekk kif qed jaħdmu aktar ġenituri filwaqt li s-sistema hija awtomatizzata biex b’hekk ma tinvolvix l-applikazzjoni għal dan il-benefiċċju.
“Diġà għamilna l-pagament tal-in-work benefit, jiġifieri fil-ġimgħa ta’ qabel fl-10 ta’ Diċembru fejn hemmhekk kienu ntbagħtu madwar 28,000 pagament ta’ in-work benefit lill-familji li l-ġenituri tagħhom jaħdmu u proprju kien hemm eluf ta’ ġenituri li kienu intitolati u ma kinux qed japplikaw għalih. Hemmhekk, awtomatizzajna l-proċess biex dak li jkun issa m’għandux għalfejn japplika biex jirċievi dan il-benefiċċju.”
Fost benefiċċji oħrajn, Musù nnota kif ftit tal-jiem ilu wkoll, 45,000 familja li huma fost l-aktar vulnerabbli bdew jirċievu l-ħlas addizzjonali permezz tal-mekkaniżmu tal-kumpens għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja, magħruf bħala l-COLA. B’kollox, din il-miżura affettwat 86,500 persuna f’Malta u f’Għawdex.
B’hekk, il-Gvern beda jwettaq miżura ewlenija għall-Budget għall-2023. b’investiment ta’ €16.2 miljun.