Il-FIAU tirreferi għal artiklu rrappurtat fl-istampa illum 21 ta’ Jannar 2018 fejn għal darba oħra tgħid li l-MPE David Casa għandu kopja tar-rapport finali ta’ investigazzjoni speċifika li tinvolvi ministru tal-Gvern.
Il-FIAU ittenni dak li diġà stqarret f’diversi stqarrijiet għall-istampa (sa mis-27 ta’ Mejju 2017) bl-effett li r-rapport imsemmi mill-MEP Casa u li hu jallega li għandu fil-pussess tiegħu, mhuwiex
rapport iffinalizzat.
L-eżistenza ta’ numru ta’ referenza bl-ebda mod mhija evidenza jew saħansitra indikattiva li r-rapport imsemmi mill-MEP Casa hija finalizzata. Kull tip ta’ tagħrif tal-FIAU huwa assenjat b’numru ta’ referenza, irrispettivament mill-istatus jew ir-riżultat ta ‘analiżi / investigazzjoni.
Il-FIAU tixtieq tikkjarifika li kwalunkwe analiżi / investigazzjoni li twettaq teħtieġ żmien, ħafna drabi xhur, speċjalment fejn tinvolvi kooperazzjoni internazzjonali. Il-FIAU dejjem wettqet il-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħha b’mod skrupluż mingħajr interferenza politika u qatt ma rrinunzjat li twettaq kwalunkwe analiżi / investigazzjoni meta qieset li dan kien mitlub, u dan irrispettivament minn mu hu s-suġġett ta ‘l-analiżi / investigazzjoni.
Barra minn hekk, l-istrutturi, il-policies u l-proċeduri tal-FIAU li jagħtu trasparenza interna sħiħa jiddettaw li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kollettiv u mhux biss minn persuna ewlieni / individwali.
Il-FIAU tfakkar ukoll li l-iżvelar ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dokument illegalment miksub mill-FIAU tikkostitwixxi reat kriminali u mhux biss se tagħmel ħsara lill-FIAU u l-kapaċità tagħha li tikkoopera ma’ kontropartijiet barranin bħala sieħba affidabbli, iżda wkoll tippreġudika kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja bħalissa.
L-użu tal-FIAU għal skopijiet ta’ mileage politiku huwa xabla taqta’ miż-żewġ naħat li tikkawża ħsara lill-pajjiż inġenerali u tesponi lill-uffiċjali tal-FIAU għal riskji ta’ sigurtà u insikurezza mhux meħtieġa.