Il-proposti li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela marbuta ma’ żieda oħra fil-pensjonijiet u l-mediċini mingħajr ħlas għall-anzjani kollha, ġew milqugħa mill-Alleanza Kontra l-Faqar.
F’kummenti ma’ ONE News, Matthew Borg mill-Alleanza Kontra l-Faqar laqa’ diversi proposti tal-Partit Laburista, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mat-tnaqqis fit-taxxi, iżda huwa laqa’ b’mod speċjali l-proposta marbuta maż-żieda ta’ ħmistax-il ewro fil-ġimgħa fil-pensjonijiet.
Bil-proposta tal-Partit Laburista, se jkun hemm żieda minima ta’ elfejn u tliet mija u erbgħin ewro fil-pensjoni tul leġislatura.
Dan apparti ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li se tinħadem b’mod aktar ġeneruż mill-mekkaniżmu tal-COLA.
Il-kalkolu tal-Gvern huwa li mitejn u erbgħin miljun ewro se jibqgħu fil-bwiet tal-pensjonijiet.
Quddiem dan kollu, Matthew Borg mill-Alleanza Kontra l-Faqar innota kif il-Partit Laburista għandu il-kredibilità li jwettaq din il-wegħda importanti.
Qal, “Il-Partit Laburista fil-Gvern żamm kelmtu mal-anzjani, jiġifieri jien nemmen li din il-proposta ta’ aktar żidiet lill-pensjonanti se titwettaq u hija xi ħaġa tajba ħafna.”
L-Alleanza kontra l-faqar spjegat li huwa importanti li jiżdiedu l-pensjonijiet.
Qal, “Huwa importanti li jkomplu jiżdiedu għax kif għedtlek, il-pensjoni tista’ tħares lejha bħala r-rispett li l-Istat għandu lejn dawn in-nies li wara ħajja twila ta’ ħidma, issa qed jgħixu l-irtirar tagħhom.”
F’isem l-Alleanza Kontra l-Faqar, Borg semma li l-fatt li l-Partit Laburista qed iwiegħed mediċini bla ħlas għall-anzjani kollha, l-anzjani jistgħu jgħixu wkoll future isbaħ b’aktar flus fil-but.
Qal, “Meta l-Gvern qed jindirizza l-mediċini fl-anzjani, jiġifieri qed ikun speċifiku, qiegħed vera iħares fil-fond ta’ kull faxxa, f’dan il-każ l-anzjani, u jindirizzahom.”