Fl-aħħar 20 sena kien innutat tnaqqis fl-użu ta’ sustanzi meqjusa illeċiti jew ta’ riskju, bħax-xorb, sigaretti u droga, u anke vizzji oħra bħal-logħob virtwali fost l-addoloxxenti, iżda jidher li x-xorb huwa l-aktar vizzju mfittex u fost l-aktar faċli biex taqa’ għalih.
Dan ħareġ mill-aħħar rapport tal-ESPAD, li kull erba’ snin jistudja l-għarfien u l-użu tas-sustanzi fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa. F’Malta, l-istudju sar mill-Fondazzoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, u fih ipparteċipaw aktar minn tlett elef student.
Hawnhekk kien innutat li l-maġġoranza tal-istudenti jemmnu li huwa faċli ħafna li jiksbu x-xorb, u filfatt dan hu l-aktar sustanza komuni li jużaw l-addoloxxenti.
Skont l-informazzjoni li nġabret, 21% użaw dawn is-sustanzi f’darhom, 19% fi stabbilimenti apposta tax-xorb, u 14% fi stabbilimenti oħra tad-divertiment.
82% tal-istudenti ta’ bejn il-ħdax u s-sittax-il sena ammettew li daqu x-xorb tal-anqas darba f’ħajjithom.
Skont dan l-aħħar rapport, tnejn fil-mija biss tal-istudenti li pparteċipaw qalu li qabdu l-vizzju tat-tipjip qabel ma’ għalqu l-14-il sena. Hawn wieħed jista’ jinnota li bejn l-2015 u l-2019, kien hemm tnaqqis sostanzjali fit-tipjip fost iż-żgħażagħ, riżultat ta’ anqas tfajliet jaqbdu dan il-vizzju f’età żgħira. Minkejja dan, it-tfajliet huma xorta aktar fiċ-ċans li jaqbdu dan il-vizzju partikolari, tant li fost il-parteċipanti, 24% tal-bniet wieġbu li ġieli pejpu, tlieta fil-mija aktar mis-subien.
L-istudju jinnota wkoll li fl-età addoloxxenti hija faċli ħafna li wieħed jikseb id-droga kannabis apparti x-xorb u sigaretti. Fejn jidħlu sustanzi ta’ dan it-tip, ir-riċerkaturi tal-FSWS innotaw li kienu biss 12% tal-parteċipanti li qalu li ġieli użaw drogi illeċti bħall-kokaina, crack, u ecstasy ta’ età żgħira.
Hawn ġiet innutata rata żgħira ta’ 4% ta’ studenti li jużaw xi forma ta’ sustanza sintetika.
L-użu tas-sustanzi ma kinitx l-unika niċċa studjata għar-rapport, kif spjega d-direttur tal-operazzonijiet tas-Sedqa, Charles Scerri.
Qal kif, “Hemm jidher li, b’mod predomenanti, iż-żgħażagħ iqattgħu ħafna ħin fuq il-mezzi soċjali u anke logħob diġitali, u hemm irridu niffukaw l-istrateġija tagħna. Mhux fejn tidħol il-prevenzjoni biss imma anke biex naraw ukoll vizzji ġodda li jistgħu joħorġu, kif qed naraw f’dan ir-rapport.”
Filfatt, 91% tal-parteċipanti qalu li jużaw il-midja soċjali fil-jiem tal-iskola. Jidher ukoll li l-biċċa l-kbira ta’ dawn iqattgħu bejn erba’ u seba’ sigħat fuq l-internet.
Mat-13% tal-istudenti qalu li jqattgħu tal-anqas erba’ sigħat jew aktar fuq logħob diġitali fil-jiem tal-iskola, b’subien ikunu aktar fiċ-ċans li jaqgħu f’dan il-vizzju minn tfajliet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Alfred Grixti spjega li qed issir ħidma ma’ barra minn Malta biex dan ukoll ikun jista’ jiġi indirizzat.
Qal li, “Dawk huma behavioral addictions, li għalihom m’għandhiex esperti f’Malta. Grazzi iżda għall-kuntatt li għandna ma’ barra minn Malta, speċjalment permezz tal-International Society of Addiction Medicine, se nkunu nistgħu inġibu esperti minn barra biex jgħinuna f’dan ir-rigward.“
Il-Ministru Michael Falzon qal li ukoll li apparti l-isforzi tal-gvern fejn tidħol il-prevenzjoni u t-trattament għal dawn it-tip ta’ vizzji, issa wieħed irid jesplora wkoll għalfejn bniedem jagħżel li jsib wens f’dan kollu.
Hu qal, “Naħseb hemm impenn qawwi minn dan il-Gvern. Insemmi ċ-ċentru l-ġdid li se joffri korsijiet residenzjali għal persuni li għandhom anqas minn 18-il sena. L-importanti hu li l-impenn tagħna jibqa’ hemm, u rridu nħarsu wkoll lejn għaliex il-bniedem jirrikorri għal addizzjoni. X’inhi l-kawża? “