Illum l-Albaniżi mistennija li jivvotaw f’elezzjoni parlamentari wara kampanja mimlija ġlied bejn il-partitarji mill-kampijiet opposti, tant li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti appellaw diversi drabi għall-kalma.
Il-Prim Ministru Edi Rama qed jittama li jiġi elett għat-tielet mandat tiegħu, madanakollu jekk ifalli milli jagħmel dan, huwa wiegħed li se jkun qed jirreżenja.
Rama qed jaffaċja oppożizzjoni minn koalizzjoni ta’ 12-il partit li ngħaqdu bit-tama li jneħħu lill-Prim Ministru attwali mill-kmand tal-pajjiż. Il-kap tal-koalizzjoni, Lulzim Basha qal li Rama kellu numru ta’ fallimenti fl-aħħar snin u għalhekk m’għandux jingħata ċans ieħor biex imexxi lill-Albanija.
Intant, dawk kollha li qed jikkontestaw għall-elezzjoni qalu li se jkunu qed iwettqu r-riformi meħtieġa sabiex il-pajjiż Balkan jissieħeb mal-Unjoni Ewropea. Dan wara li s-sena l-oħra, il-partiti kollha qablu biex jinfetħu t-taħdidiet għal sħubija fl-UE.