Malta, l-Italja u ċ-Ċilì għadhom l-aktar servizz ta’ ħarsien ta’ tfal affordabbli fid-dinja kollha, skont rapport tal-UNICEF li ssemma “Where do rich countries stand on childcare?”.
Fost dawk il-pajjiżi fiż-żona ewro li wkoll ġew analizzati, Malta tpoġġiet fid-disa’ post għas-servizzi ta’ ħarsien ta’ tfal li jiġu offruti, u tqieset saħansitra aħjar minn Franza u l-Belġju f’dan l-aspett.
Fl-2020, il-UNICEF analizzat 41 pajjiż għal dan l-istudju partikolati, u ħareġ kif koppja li t-tnejn għandhom paga medja, jridu jonfqu ftit anqas minn nofs paga waħda biex iżommu lil żewġt itfal fi programm ta’ childcare. F’pajjiżi bħall-Irlanda, New Zealand u l-Iżvizzera, koppja jkollha talloka sa nofs paga waħda biex tkun tista’ tħallas servizz ta’ childcare.
Filwaqt li f’Malta dan is-servizz jiġi offrut mingħajr ħlas, huwa realtà grazzi għal nefqa li kibret minn €13.2 miljun fl-2016 għal
€28.4 million fl-2019, u li tat opportunitajiet ġodda għal nisa li jixtiequ jkomplu jistudjaw jew jaħdmu. F’Malta, kważi 60% ta’ dawk il-ġenituri li jrabbu waħedhom issa għandhom xogħol, u bħala rata ġenerali 66% tan-nisa f’Malta għandhom impjieg fiss.
L-istess rapport juri wkoll li Malta tibbrilla fl-aċċess għal dawn is-servizzi, hekk kif kważi kull tifel u tifla fil-Gżejjer Maltin jintbagħtu f’ċentru sena qabel tibda l-iskola obbligatorja.
Il-UNICEF studja wkoll x’leave jingħata mill-post tax-xogħol lill-ommijiet, u hawn Malta tinsab ‘l isfel fil-klassifika meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra taż-żona ewro. F’dan l-aspett l-Italja u l-Ġermanja jinsabu fil-quċċata, li joffru kważi d-doppju tal-leave għall-ommijiet li jiġi offrut f’Malta. Pajjiżna fil-fatt jagħmilha mal-aħħar tliet pajjiżi fejn jidħol leave apposta għal ġenituri, probabbilment minħabba l-fatt li ftit missierijiet jieħdu leave bi ħlas. Skont il-UNICEF, minn 41 pajjiż, erba’ biss joffru dan il-pakkett speċifikament għal missierijiet.
Dwar dan il-UNICEF jirrakkomanda li kull pajjiż ikollu għażla ta’ leave għal missirijiet, ommijiet u ż-żewġ ġenituri fi żmien tat-twelid u l-ewwel sena, biex il-ġenitur jqattgħu kemm jista’ jkun ħin mal-familja. Dan il-leave għandu jkun sensittiv għal kwalunkwe realtà. Biex ikun żgurat ukoll li l-piż tal-ħajja domestika qed jinqasam d’mod ekwu, il-missier għandu jkollu l-istess għażla ta’ leave mix-xogħol daqs l-omm.