Jekk ħsibt li l-istorja ta’ Connor u Lysander spiċċat fuq dak il-bridge, erġa’ aħseb. L-ewwel staġun ta’ KWIR jagħlaq b’mument qawwi ta’ emozzjoni u separazzjoni, iżda l-akbar sorpriża kienet moħbija wara l-credits. U dak il-ħjiel ċkejken, li ħafna forsi fallew, jista’ jibdel dak kollu li konna naħsbu.
Ejjew nerġgħu ftit lura.
Fl-aħħar xeni, naraw lil Connor u Lysander fuq pont — Bla kliem żejjed, b’ħarsa mqanqla u għafsa f’qalbhom, Lysander jitlaq lil Connor u jimxi lejn naħa u jiltaqa’ ma’ Zahra. Connor mbikkem jimxi lejn in-naha l-oħra u jiltaqa’ ma’ Izan.
Zahra kienet dejjem tħobb lil Lysander. Izan, għal min segwa b’attenzjoni, għandu sentimenti fond għal Connor. Qishom kapitli ġodda qed jinfetħu, imma xi ħaġa għadha mhux magħluqa.
Imma mbagħad… daħlu l-credits. U wara? Xena siekta, sabiħa, u assolutament qawwija.

Ta’ Qali. Tfal jilagħbu bla tħassib, jiġru fuq il-ħaxix. F’tarf il-qasam, żewġ ġentlomi bilqiegħda fuq siġġijiet, jirrilassaw. F’daqqa waħda, nisimgħu tifla sejjah: “Nannu! Nannu!” U fl-istess mument, tidher grafika fuq l-iskrin: “Ftit snin wara.”
L-ewwel raġel għandu għajnejn blu brillanti, l-istess għajnejn li drajna naraw f’Connor. It-tieni wieħed għandu tbissima vibranti li tirrifletti lil Lysander. It-tnejn jħarsu lejn xulxin u bla ma jgħidu kelma, jaqbdu jdejn xulxin b’imħabba.

U mela… x’ġara tassew?
Wara s-sena 2025 fejn konna ħsibna li kollox spiċċa, jidher li l-imħabba vera sabet triqitha lura. L-istess żewġ t’irġiel li kienu nfirdu fuq il-pont, issa jinsabu flimkien, ikbar fl-età, imma iktar qrib minn qatt qabel.
Il-kreatur ta’ KWIR ma taniex risposta ċara — imma ta ħafna fuq xhiex naħsbu. Huwa possibbli li xi stejjer ta’ mħabba jeħtieġu l-ħin biex jifhmu lilhom infushom. Xi drabi l-ferħ jiġi wara l-uġiegħ.
It-tmiem ta’ KWIR ma kinx separazzjoni – kien kapitlu ieħor u jista’ jkun li l-imħabba vera, għalkemm tgħaddi minn żminijiet diffiċli, qatt ma tintilef għal kollox.
Għalhekk jekk għadek ma rajtx dik ix-xena…erġa’ ċċekkja. Għax forsi, l-iktar mument sinifikanti kien propju wara t-tmiem.