Minn stħarriġ dwar il-ħiliet tal-popolazzjoni f’Malta li sar is-sena l-oħra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li l-aktar kategorija komuni ta’ ħiliet magħżula mill-popolazzjoni f’Malta hija fil-kompjuting. Din tgħodd għal kważi 79 fil-mija.
Dan filwaqt li, wara, jiġu l-ħiliet tal-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni u l-għoti tal-assistenza u l-kura.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li kważi nofs l-irġiel jidentifikaw mill-inqas ħila waħda mill-kategorija tal-ħiliet li għandha x’taqsam ma’ għodda u makkinarju. B’kuntrast l-għadd tan-nisa li semmew dawn il-ħiliet kien ħafna inqas.
Ħareġ ukoll li, fost in-nisa li jgħixu Malta, kważi tlieta minn kull erbgħa għandhom mill-inqas waħda mill-ħiliet tal-assistenza, il-kura u oħrajn relatati, waqt li n-numru ta’ rġiel li għamlu l-istess għażliet kien inqas.
Minn dan l-istudju tal-NSO ħareġ li l-ħiliet artistiċi, kreattivi u tal-isport issemmew l-aktar minn dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena. Il-ħiliet tat-tisjir issemmew l-aktar minn dawk li għandhom iżjed minn 25 sena u l-ħiliet tal-bini nstabu l-aktar fost l-irġiel li huma akbar fiż-żmien.
Dan filwaqt li l-ħiliet fil-biedja u s-sajd kienu l-aktar komuni f’Għawdex.
Minn dan l-istħarriġ tal-NSO ħareġ li, fl-era moderna tat-teknoloġija, aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni qalu li għandhom ħiliet bażiċi tal-kompjuter.
Ħareġ ukoll li l-ilsien l-aktar mifhum mill-popolazzjoni f’Malta huwa l-Ingliż, segwit mill-Malti u, imbagħad, mit-Taljan.
Ħareġ ukoll li l-konoxxenza tat-Taljan u tal-Għarbi kienet aktar imxerrda fost dawk li għandhom minn 25 sena ʼl fuq, filwaqt li l-Franċiż u l-Ġermaniż kienu prevalenti fost dawk ta’ bejn il-15 u l-24 sena.