“L-aktar kabinett żagħżugħ, femminili, Għawdxi u ta’ stoffa.”
Hekk iddeskriva l-kabinett immexxi minnu, l-għada li ħabbar numru ta’ bidliet, il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Inħares b’entużjażmu kbir għal għada, fejn se tkompli il-ħidma tagħna bħala l-aktar kabinett żagħżugħ li qatt kellna f’pajjiżna, l-aktar kabinett femminili u l-aktar kabinett Għawdxi.”
F’attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru semma l-investiment qawwi li qed jagħmel Gvern Laburista f’kull settur u qasam f’pajjiżna, għax dan huwa Gvern li jisma’ l-bżonnijiet, iħoss il-polz tan-nies u jaġixxi.
Dr Abela elenka numru ta’ proġetti u kisbiet fl-aħħar jiem, fosthom il-ftuħ ta’ pont ġdid, il-ftehim settorjali mal-Forzi Armati ta’ Malta u t-tnedija ta’ sett ta’ regolamenti ġodda għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Semma wkoll li sitt elef persuna b’kundizzjoni respiratorja kronika, bdew jirċievu mediċina b’xejn. Hawnhekk il-Prim Ministru sellem u rringrazzja lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u awguralu għall-ħatra bħala membru tal-ONE HEALTH GLOBAL LEADERS.
Dr Abela qal kif il-Partit Laburista huwa kompletament differenti mill-partit fl-Oppożizzjoni.
Huwa sostna: “Gvern u moviment li jemmen illi n-nies trid tgħinnhom jitilgħu ‘l fuq li ma jemminx fl-għira u ma jemminx fil-firda għal partit politiku li l-elementi li jmexxu tista’ xi darba timxi ‘l quddiem billi tkisser lin-nies. Ara kif qatt inti n-nies jistgħu jemmnu li toffrilhom alternattiva aħjar meta tkun qed tkisser pajjiż u lin-nies meta tkun qed iddaħħal l-għira.”
Il-Mexxej Laburista tenna kemm dan il-Gvern jemmen fil-governanza tajba u dan juruh il-bidliet u d-deċiżjonijiet meħtieġa li ttieħdu.
Qal li qed iħares ‘il quddiem għaż-żmien li ġej biex bil-ġid ta’ Gvern Laburista jkompli jgawdi kulħadd, miż-żgħair sal-kbir.
Dr Abela saħaq: “Iħarsu ‘l quddiem u ngħidu dan kien perjodu li fih tgħallimna ħafna, valuri tal-familja, ċertu valuri oħrajn tal-importanza, naħsbu għal xulxin, l-importanza tax-xogħol ta’ kwalità, negozju, Gvern li huwa business friendly ġid għan-negozji jgawdu l-ħaddiem negozji penzjonanti kulħadd.”