Matul is-sena l-oħra l-ilmenti dwar il-kwalità tas-servizz li tirċievi l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni naqsu b’wieħed u għoxrin fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika li ħejjiet l-Awtorità msemmija fejn ġie nnotat wkoll li minkejja minn sena għal oħra l-ilmenti naqsu, bejn l-ewwel u l-aħħar sitt xhur tas-sena elfejn u għoxrin l-ilmenti żdiedu b’ħamsa u erbgħin fil-mija filwaqt li t-talbiet għall-informazzjoni żdiedu b’erbgħa u tletin fil-mija.
B’hekk b’din iż-żieda, bejn l-ewwel ta’ Lulju u l-wieħed u tletin ta’ Diċembru, l-Awtorità rreġistrat ftit iżjed minn mitt ilment filwaqt li t-talbiet għall-informazzjoni ammontaw għal ħames mija u tlieta u erbgħin talba.
F’dan ir-rapport, l-Awtorità nnutat li l-iżjed ilment popolari kien fuq il-kwalità tas-servizz, fejn ġew reġistrati tmienja u tletin ilment li tnax minnhom, wara l-investigazzjonijiet meħtieġa, l-Awtorità ddeterminat li l-fornituri tas-servizzi kienu meħtieġa jieħdu l-azzjoni ta’ rimedju meħtieġa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet irrappurtati.
Dan ir-rapport jinnota wkoll li t-tieni l-iżjed tip ta’ ilment li rċiviet l-MCA kien relatat ma’ kwistjonijiet ta’ kontijiet u tariffi fejn ġew irreġistrati total ta’ wieħed u għoxrin ilment.
Kien hemm ukoll wieħed u erbgħin ilment postali matul l-aħħar nofs tas-sena l-oħra fejn l-Awtorità resqet dawn il-każijiet għall-attenzjoni tal-fornituri tas-servizz sabiex ikunu jistgħu jittrattaw dawn il-kwistonijiet sabiex dawn jissolvew.